Ġorġ Mifsud-Chircop

Ġorġ Mifsud-Chircop

Ritratt meħud minn Enrico Grieco

Tħabbret il-mewt ta' Dr. Ġorġ Mifsud-Chircop, kollega tagħna li kien ilu jgħallem fid-Dipartiment tal-Malti tal-Kulleġġ mill-1996.

Il-funeral se jsir nhar is-Sibt, 22 ta' Diċembru, 2007 fit-8.30 a.m fil-Knisja Parrokkjali tal-Mosta.

 

Dr. Mifsud-Chircop kien magħruf sew kemm fil-qasam tal-pubblikazzjoni ta' kotba marbutin mal-lingwa u l-letteratura Maltija kif ukoll fil-qasam tal-Folklor, bir-riċerka importanti li għamel fuq il-letteratura orali u oqsma oħrajn, u bl-involviment tiegħu fl-għana Malti. Għal bosta snin mexxa b'suċċess il-Festival Nazzjonali ta' l-Għana u bosta inizjattivi oħrajn f'dan il-qasam.

 

Ġorġ Mifsud-Chircop kien ukoll impenjat sew fuq livell internazzjonali, kemm fil-promozzjoni tal-kultura orali u l-għana Malti, kif ukoll, fuq livell akkademiku, fis-Soċjetà Internazzjonali ta' l-Etnoloġija u l-Folklor (SIEF). (Ara nota bijografika hawnhekk) Hu kien il-moħħ wara l-organizzazzjoni, mid-Dipartiment tal-Malti tal-Kulleġġ, ta' żewġ konferenzi internazzjonali li saru f'Malta fl-2005 u l-2006.

Il-lecturers fid-Dipartiment tal-Malti tal-Kulleġġ jixtiequ jwasslu l-kondoljanzi tagħhom lil martu u liż-żewġ uliedu.

 

Għad-dipartiment u l-Università tagħna u għall-kultura f'pajjiżna, it-telfa ta' Ġorġ hija telfa verament kbira. Barra minn hekk, se nħossu ħafna n-nuqqas ta' kollega u ħabib li dejjem għen fejn seta' lilna u lill-istudenti tiegħu.

 

Adrian Grima

(19.12.07)


Aqra din l-intervista ta' Gilbert Calleja ma' Ġorġ Mifsud-Chircop (2006) fuq il-gazzetta Malta Today

Aqra dan l-artiklu fuq il-gazzetta Illum: "Ġorġ Mifsud-Chircop: tingħalaq paġna tal-folklor modern" ta' Franica Pulis (23.12.07)


Dr. George Mifsud Chircop  -  Apprezzament

 

L-Erbgħa 19 ta’ Diċembru kienet ġurnata sewda għall-Junior College, b’mod partikolari għad-Dipartiment tal-Malti, meta ġriet l-aħbar bħal leħħa ta’ berqa li l-kollega tagħna Dr. George Mifsud Chircop kien ħalliena. Konna nafu li f’dawn l-aħħar xhur saħħtu kienet marret lura, imma xorta waħda x-xokk laqatna bil-kbir, u ma konniex lesti naċċettaw aħbar kerha bħal din.

 

George kien bniedem ta’ ftit kliem imma fl-istess ħin bniedem ta’ azzjoni. M’hemmx għalfejn insemmu l-kapaċitajiet tiegħu fil-kamp akkademiku, għax dawn huma magħrufin minn kulħadd, kemm hawn fil-Junior College, kemm fl-Università, u anki f’Malta kollha kemm hi. George kien bniedem li jidħol għax-xogħol li jingħatalu b’dedikazzjoni li tgħaġġbek. Ma kienx jaf xi tfisser triq tan-nofs: li jagħmel, jew jagħmlu sewwa jew ma jagħmlu xejn.

 

Markus Tullius Cicero staqsa tant u tant snin ilu: “Jeżisti impieg aktar nobbli jew aktar prezzjuż għall-istat minn ta’ dak ir-raġel li jgħallem lill-ġenerazzjoni li għadha tielgħa?” George kien ukoll għalliem. Lill-istudenti li kien jgħallem kien jagħtihom kollox. Kien jinsisti magħhom li għandhom jagħtu l-attenzjoni totali tagħhom, u l-eżempju tiegħu kien ikaxkarhom.

 

Aħna fid-Dipartiment tal-Malti konna nammiraw lil George għall-mod kif fl-erbgħa u għoxrin siegħa li fiha l-ġurnata kien jirnexxilu jlaħħaq ma’ l-impenji tiegħu ma jaqtgħu xejn. Huwa kien imfittex b’mod partikolari fil-kamp folkloristiku Malti, anki fi proġetti ma’ bliet, skejjel u pajjiżi barra minn xtutna.

 

George ħalla vojt kbir warajh. Ir-riċerki li għamel tul ħajtu żgur li jservu ta’ xprun għall-istudjużi fil-ġejjieni.

 

George, inti tlaqt għax il-Mulej għoġbu jsejjaħlek, imma l-ispirtu tiegħek se jibqa’ magħna għal ħafna u ħafna żmien.

 

David Calleja

Koordinatur tas-Suggett

Dipartiment tal-Malti

University Junior College


Fond għat-Taħdita Ġorġ Mifsud-Chircop

 

Nhar it-22 ta' Diċembru, 2007, tħabbar li "b'memorja ta' Dr. Ġorġ Mifsud-Chircop," martu Marlene, u wliedu Bérénice u Jerome, waqqfu Fond fi ħdan l-Università ta' Malta biex perjodikament issir taħdita fuq il-Folklor Malti. Min jixtieq jikkontribwixxi jista' jibgħat ċekk f'dan l-indirizz: Fond għat-Taħdita Ġorġ Mifsud-Chircop, L-Uffiċċju tal-Finanzi, L-Università ta' Malta.


Campus FM se jwassal programm speċjali b'tislima lil Dr. Gorg Mifsud-Chircop. Is-sensiela "Tisqifa għall-Għana Tagħna" li kellha produzzjoni u preżentazzjoni ta' Dr. Ġorġ Mifsud-Chircop kienet imxandra fuq Campus FM (dak iż-żmien Ir-Radju ta' l-Universita') lura fl-1999. Il-programm jiddiskuti l-Għana Malti u fih niltaqgħu ma' diversi daqqaqa u għannejja Maltin. L-ewwel programm minn din is-sensiela se jixxandar il-Ħamis 20 ta' Diċembru, 2007, fit-8pm, b'ripetizzjoni s-Sibt 22 ta' Dicembru fin-12:30, b'tislima u apprezzament lil dan il-bniedem li tant stinka għal għarfien aħjar tal-folklor Malti.


Il-Vojt Li Ħalla Warajh Ġorġ

 

L-aħbar tal-mewt ta’ Ġorġ ħasditni, kif żgur ħasdet lil ħafna oħrajn. Kont naf li ma kienx tajjeb wisq iżda kont nittama li għad nerġa’ narah bilqiegħda fuq is-siġġu ta’ ħdejja fl-uffiċċju, li għad nerġa’ nkellmu. Nistqarr li l-aħħar darba li rajtu, fil-bidu ta’ din is-sena akkademika, ħasadni, għax minn barra ma kienx il-Ġorġ tas-soltu. Għamilt il-kuraġġ u staqsejtu “Kif int?” Bil-vuċi solita tiegħu, kemm kemm jinstema’, qalli “Issa naraw.” Min jaf x’għadda minn moħħu dak il-ħin? Ħassejtni skomdu nagħmillu mistoqsija oħra u għalhekk bdilt id-diskors. F’ħin minnhom is-suġġett waqa’ fuq l-irġulija. Tkellimna fuq esperjenza morra li konna għaddejna minnha ftit xhur qabel u kif waqafna mid-diskursata qasira tagħna, kompla jikteb. Dawn kienu l-aħħar ftit mumenti u ħsibijiet li qsamna flimkien jien u l-kollega ġar tiegħi għax wara, ma rajniehx aktar fl-uffiċċju.


U hekk nibqa’ niftakru lil Ġorġ … bniedem serju u ta’ ftit kliem. X’aktarx jekk ma tkellmux, ma jkellmekx, mhux biex jonqsok mir-rispett imma għax hekk kien magħġun. U jekk jista’ jgħidlek kelma, aħjar milli jgħidlek tnejn. Ix-xogħol kien jidħol għalih b’ruħu u b’ġismu. Kieku qatt kont tisimgħu jgerger. Kieku qatt għadda kumment fuq in-numru tal-karti tat-testijiet jew ta’ l-esejs li kont nagħtih biex jikkoreġi. Xogħlu kien jagħmlu b’mod professjonali għax kien perfezzjonist. Ħadem bla heda tista’ tgħid f’kull qasam tal-Malti u kien magħruf kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna, l-aktar fil-qasam tal-folklor. Madankollu, rasu qatt ma kibritlu. Kien bniedem umli u dejjem lest biex jgħin lil kulħadd. Ġorġ kellu l-ingredjenti kollha li jsawru raġel ta’ veru.


U l-ħajja tibqa’ miexja … u xi darba s-siġġu ma’ l-iskrivanija ta’ ħdejja ma jibqax aktar vojt…imma l-vojt li ħalla warajh Ġorġ ma nafx kemm għad jimtela.
 

George Farrugia
L-20 ta’ Diċembru 2007

Dipartiment tal-Malti

 


Tislima lil Dr. Ġorġ Mifsud Chircop

 

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq isellem lil Dr. Ġorġ Mifsud Chircop li ħalliena ftit tas-sigħat ilu. Dr Mifsud Chircop ħalla warajh għadd imprezzabbli ta’ xogħol li fih fittex li jippromovi dak kollu li hu Malti b’ħila, serjetà, dedikazzjoni u mħabba. Bis-saħħa ta’ l-entużjażmu tipiku tiegħu, irnexxielu jħeġġeġ għadd ta’ studenti u akkademiċi biex ikomplu jimirħu fi ġrajjiet il-pajjiż. L-istudji tiegħu għollew f’diskors akkademiku l-oqsma li huwa ħabb. Kienu bosta dawk li fittxewh bħala konsulent u editur letterarju.  

 

Dr. Mifsud Chircop studja l-foklor u ħadem biex dan ma jmutx. Għal bosta snin kien il-punt ta’ referenza fuq il-folklor Malti. Ir-riċerka tiegħu mhux biss wettaqha f’Malta imma wkoll f’Gottingen, Palermo u Sheffield. Bħal Dundes, huwa emmen li li wieħed mid-dmirijiet ewlenin ta’ l-antropoloġi u tal-folkloristi hu li jagħmlu l-poplu konxju tal-Kultura tiegħu. Dan Dr. Ġorġ Mifsud Chircop wettqu b’mod ċar.    

 

Mifsud Chircop ta sehem ewlieni biex il-kultura tagħna tinħareġ mill-pajjiż u titgawda minn popli oħra. Dan għamlu mhux biss bir-riċerka imma wkoll b’sehem attiv f’diversi inizjattivi Ewropej. Barra minn hekk, ħa sehem f’bosta konferenzi lokali u internazzjonali. 

 

Dawk kollha li jħobbu l-għana ma jistgħux ma japprezzawx l-impenn tiegħu biex din il-fergħa artistika tikseb iktar rispett kemm f’Malta kif ukoll barra. Sa mill-1998, ħa ħsieb il-Festival Nazzjonali ta’ l-Għana. 

 

Mifsud Chircop ta servizz lil artu permezz tar-radju u bix-xandiriet tiegħu għallem u stinka biex il-poplu japprezza lsien art twelidu u l-kultura tiegħu. Bosta kienu jieħdu sehem attiv fil-programmi tiegħu billi jċemplu u jistaqsu, għatxana li jkunu jafu dwar il-Malti. Għall-istudenti ħejja għadd ta’ kotba u kien attiv fl-Għaqda ta’ l-Għalliema tal-Malti li għal sentejn kien President tagħha.  

 

Min ħadem miegħu jaf kemm kien metikoluż fix-xogħol u x’enerġija kien jagħti. Warajh Dr. Mifsud Chircop ħalla għalqa għammiela.

 

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jagħti l-kondoljanzi lill-familjari. Dr. Mifsud Chircop bla dubju ta’ xejn qeda lil pajjiżu. Ara wkoll dan il-Folju.

 

Sergio Grech

Direttur Eżekuttiv

Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

 


Sogħba għall-mewt ta' l-intellettwali ta' "fommu bil-għasel"

 

L-Għaqda tal-Malti - Università tixtieq turi s-sogħba tagħha għat-telfa ta' Ġorġ Mifsud-Chircop - intellettwali li ta ħafna għall-apprezzament tal-kultura Maltija. Ix-xogħol siewi ta' Dr. Mifsud-Chircop fost l-oħrajn fl-oqsma tal-folklor, tas-snajja', ta’ l-għerf imlissen u ta' letnografija Maltija jagħmilna lkoll grati lejh u se nibqgħu ngħożżuh fil-ġejjieni għaliex jgħinna nifhmu l-għeruq u l-mod ta' għajxien tagħna bħala poplu.
 

L-Għaqda tal-Malti - Università twassal il-kondoljanzi tagħha lill-familja ta' Dr. Mifsud-Chircop.
 

L-Għaqda tal-Malti - Università tieħu din l-okkażjoni biex trodd ħajr lil dawk l-intellettwali kollha li, bħall-mibki Dr. Mifsud-Chircop, b'ħafna sagrifiċċji u determinazzjoni, jagħmlu studji u riċerka biex minnha jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dan il-wirt nazzjonali f'riżorsi umani huwa prezzjuż, u l-Għaqda ma tistax ma tħeġġiġx lill-poplu Malti juri l-apprezzament tiegħu għal ħidmet nies bħal Dr. Ġorġ Mifsud-Chircop.

 

L-Għaqda tal-Malti - Università

L-Erbgħa 19 ta’ Diċembru 2007


Għotja ta' Inizjamed lill-Fond għat-Taħdita Ġorġ Mifsud-Chircop

L-organizzazzjoni kulturali volontarja Inizjamed se tikkontribwixxi Lm100 għall-Fond imwaqqaf apposta mill-familja ta' Dr. Ġorġ Mifsud-Chircop biex perjodikament issir taħdita fuq il-Folklor Malti. 
 
Inizjamed qed tagħmel dan bħala turija ta' l-apprezzament tagħha għall-kontribut straordinarju li ta Dr. Mifsud-Chircop lill-istudju u l-apprezzament tal-kultura Maltija, speċjalment fil-kuntest Mediterranju tagħha. L-organizzazzjoni ta' Taħditiet dwar il-Folklor Malti tgħin biex titkompla r-riċerka kbira li saret minn Mifsud-Chircop u studjużi oħrajn u tħeġġeġ lil studjużi ġodda biex jidħlu f'dan il-qasam fejn hemm tant xogħol xi jsir.
 
Dawn l-istudji jgħinu mhux biss biex aħna l-Maltin nifhmu aħjar l-aspetti differenti tal-kultura Maltija imma anki biex napprezzaw aktar il-kulturi tar-reġjun tagħna. Dan jaqbel ma' l-inizjattivi ta' Inizjamed fil-promozzjoni tad-djalogu interkulturali, inizjattivi li wasslu lill-Gvern Malti biex jagħżel lil Inizjamed (u lill-Orkestra Nazzjonali) bħala ambaxxatriċi Maltija tad-Djalogu Interkulturali għas-sena 2008.
 
Individwi u organizzazzjonijiet li jixtiequ jikkontribwixxu għal dan il-fond jistgħu jibagħtu ċekk f'dan l-indirizz: Fond għat-Taħdita Ġorġ Mifsud-Chircop, L-Uffiċċju tal-Finanzi, L-Università ta' Malta.
 
Dr. Adrian Grima
Koordinatur, Inizjamed
Is-27 ta' Diċembru 2007
 


Għotja tad-Dipt tal-Malti tal-Kulleġġ għall-Fond għat-Taħdita Ġorġ Mifsud-Chircop

Id-Dipartiment tal-Malti tal-Kulleġġ Universitarju Ġan Franġisk Abela se jikkontribwixxi €250 għall-Fond imwaqqaf apposta mill-familja ta' Dr. Ġorġ Mifsud-Chircop biex perjodikament issir taħdita fuq il-Folklor Malti. Individwi u organizzazzjonijiet li jixtiequ jikkontribwixxu għal dan il-fond jistgħu jibagħtu ċekk f'dan l-indirizz: Fond għat-Taħdita Ġorġ Mifsud-Chircop, L-Uffiċċju tal-Finanzi, L-Università ta' Malta u joħorġuh f'isem l-Università ta' Malta.

 


Ara dan l-artiklu fuq il-gazzetta Illum:

Ġorġ Mifsud-Chircop: tingħalaq paġna tal-folklor modern - Franica Pulis