|
INTRODUZZJONI
Il-Malti, bħala l-ilsien nattiv, jiġbed għadd imdaqqas ta’ studenti li jagħżluh biex ikomplu l-istudji tagħhom fil-livell pre-Universitarju, kemm bħala suġġett ewlieni kif ukoll bħala wieħed intermedju. L-għadd ta’ studenti ġodda tal-Malti fil-Junior College għas-sena 2002-2003 kien ta’ 161 fil-Livell Avvanzat, u ta’ 413 fil-Livell Intermedju.
IL-KORS FIL-LIVELL AVVANZATIl-kors fil-Livell Avvanzat huwa mfassal fuq lekċers, tutorials u seminars li jgħinu lill-istudenti jħejju ruħhom sewwa għal eżami ta’ tliet karti ta’ tliet sigħat kull waħda li jitfasslu hekk:
l-ewwel karta – lingwa it-tieni karta – poeżija it-tielet karta – proża
Fil-Livell Avvanzat isiru erba’ lekċers ta’ siegħa l-waħda fil-ġimgħa. Hemm ukoll siegħa ddedikata għal tutorial u siegħa oħra għal seminar kull ġimgħa. Dan ifisser li l-istudenti f’dan il-kors partikulari jkollhom sitt sigħat fil-ġimgħa. Għat-tutorial l-istudenti jridu jippreparaw esej (ġenerali, lingwistiku, jew letterarju, ittra, jew taqsira. Fil-każ tas-seminar l-istudenti jingħataw taħriġ fil-kritika letterarja. Minħabba n-natura tagħhom, kemm is-seminar kif ukoll it-tutorial ikunu magħmulin minn għadd iżgħar ta’ studenti minn dak tal-lekċers. Dan jippermetti aktar attenzjoni individwali u l-istudenti jkollhom aktar ħin jesprimu ruħhom u jippartecipaw bl-aktar mod attiv.
IL-KORS FIL-LIVELL INTERMEDJUF’dan il-każ għandna biss sagħtejn fil-ġimgħa li fihom isiru lekċers biex isir is-sillabu li hu magħmul minn oral u karta ta’ tliet sigħat li tikkonsisti f’esej ġenerali, esej dwar il-lingwistika u żewġ esejs letterarji. U hawnhekk jinħtieġ li jingħad li s’issa m’huwiex possibbli li jingħata xogħol individwali (tutorial) minħabba l-limitu ta’ sigħat ta’ lekċers fil-ġimgħa. Minkejja dan, l-istudenti jistgħu, jekk iridu, jużaw is-sigħat li lekċerers għandhom għal kuntatti persunali ma’ l-istudenti. Kulma hemm bżonn huwa li l-istudenti jieħdu inizjattiva u jagħmlu appuntament mal-lekċerers li jridu jkellmu. Għal lista kompleta tal-lekċerers fid-Dipartiment tagħna u l-kmamar tagħhom agħfas hawnhekk. Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, biex jibdew il-kors tal-Malti fil-Junior College, l-istudenti jridu jkunu kisbu minn Grad 1 sa Grad 5 fil-karta A jew minn Grad 4 sa Grad 5 fil-karta B tas-SEC. L-istudenti jistgħu jagħżlu l-Malti f’livell jew ieħor, iżda hija ħasra li xi wħud li jkunu ġabu grad baxx fis-suġġett jibdew fuq sieq ħażina. L-għarfien tal-letteratura ta’ xi studenti jkun għadu xott wisq, filwaqt li l-bażi ta’ l-ortografija, l-idjoma, u s-sintassi tagħhom tkun għadha difettuża sewwa. Għalkemm matul il-kors tingħata attenzjoni partikulari lil dawn l-aspetti tal-kitba, l-istudenti jridu jifhmu li minħabba l-firxa tas-sillabu dan ma jkunx possibbli għal kollox u kemm jixtieq id-Dipartiment. Ghalhekk, minkejja li s’issa m’hemmx kundizzjoni dwar grad għoli fis-SEC mill-applikanti, l-istudenti jridu jifhmu l-ħtieġa ewlenija li jkunu jafu jiktbu sewwa l-Malti qabel jiddeċiedu li jagħżlu s-suġġett, kemm f’livell kif ukoll f’ieħor.
OpportunitajietL-istudju tal-Malti joffri diversi opportunitajiet ta’ studju f’korsijiet differenti fl-Università. Hemm korsijiet, iżda, li għalihom il-Malti huwa obbligatorju. Il-livell Avvanzat tal-Malti fi grad A, B, jew Ċ huwa obbligatorju għal min irid jieħu dawn il-korsijiet: B.Ed.(Hons), għal dawk li jixtiequ jsiru għalliema tal-Malti fil-livell sekondarju. Għall-istudenti li jixtiequ jsiru għalliema bil-B.Ed.(Hons) fl-iskejjel primarji, il-Malti huwa obbligatorju wkoll, għallinqas fil-livell intermedju.
Fora Melitensia - rivista akkademika bi studji dwar il-Malti Id-Dipartiment qiegħed jippubblika Fora Melitensia, rivista akkademika bi studji dwar il-Malti u dwar aspetti fis-sillabi tal-Malti – kemm dak Avvanzat, kif ukoll dak Intermedju. L-istudenti għandhom jiksbu kopja ta’ din il-pubblikazzjoni li tgħinhom fl-istudji tagħhom.
Nota: Għal aktar tagħrif dwar is-suġġett, bħas-sillabu u t-tqassim tal-lectures, id-Dipartiment tal-Malti fil-Junior College dejjem lest li jgħin mill-aħjar li jista’.
Website tad-Dipartiment: www.malti.info
David Calleja Kap tad-Dipartiment
Ħajr lis-Sur Joe Zammit-Ciantar, editur ta' Look... before you leap, gwida għall-istudenti tal-Ġ. F. Abela Junior College |
|