Lecturers

Fuq wara, mix-xellug għal-lemin jidhru: Dr. Ġorġ Mifsud-Chircop, Dr. Bernard Micallef, is-sinjuri Anthony Cardona, Saviour Seisun u Immanuel Mifsud, Dr. Josette Attard, is-Sinjuri Mario Cutajar u David Calleja (Kap tad-Dipartiment), u Dr. Joe Zammit-Ciantar. Fuq quddiem, mix-xellug għal-lemin jidhru: Dr. Marco Galea, is-Sinjuri George Farrugia u Mario Cassar, u Dr. Adrian Grima

 
   

Noti Bijo-biblijografiċi

 

Biex tagħmel appuntament mal-lecturers fid-Dipartiment tal-Malti ara l-ħinijiet li għandhom fuq il-bieb tal-kmamar rispettivi tagħhom. In-numri tal-kmamar jidhru hawnhekk.

Dr. Josette Attard (km. 318) - Is-Sur David Calleja (Kap tad-Dipt, km. 316) - Is-Sur Anthony Cardona (km. 317) - Is-Sur Mario Cassar (km. 317) - Is-Sur Mario Cutajar (km. 313) - Is-Sur George Farrugia (km. 317) - Dr. Marco Galea (km. 318) - Dr. Adrian Grima (km. 318) - Dr. Bernard Micallef (km. 317)- Is-Sur Immanuel Mifsud (km. 318) - Dr. Ġorġ Mifsud-Chircop(km. 317) - Is-Sur Salvu Seisun (km. 316) - Dr. Joe Zammit Ciantar

 

 
   
Mario Cassar twieled fl-1962 u joqgħod Ħal Luqa. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ Mount Carmel (illum Saint Elias), Santa Venera; l-Upper Secondary, il-Belt Valletta; u l-Università ta’ Malta, minfejn iggradwa B.Ed. (Hons.) fl-1986 u M.A. (Malti) fl-1996. Fis-snin 1992-94 kien president ta’ l-Għaqda tal-Malti (Università).

Is-Sur Mario Cassar huwa assistent lecturer fid-Dipartiment tal-Malti tal-Kulleġġ Ġan Franġisk Abela fl-Imsida, fejn jgħallem il-lingwistika u l-letteratura Maltija. Hu l-awtur ta’ diversi saġġi letterarji kif ukoll ta’ żewġ kotba: Ir-Reqqa tal-Kitba (Malta, 2000) u The Surnames of Malta: An Etymological Dictionary (Malta, 2003). Hu jinkludi ċ-ċinema, l-arti, u l-istorja fost l-interessi l-oħra tiegħu.

 

 
   

Marco Galea twieled fl-1968 u studja fid-Dipartimenti tal-Malti u tat-Taljan fl-Università ta’ Malta u fid-Dipartiment tad-Drama u l-Istudji Teatrali fl-Università ta’ Birmingham, l-Ingilterra. Jgħallem il-Malti fil-Kulleġġ Ġan Franġisk Abela u fil-Fakultà ta' l-Arti. Xandar għadd ta' artikli dwar it-teatru Malti f'rivisti speċjalizzati f'Malta u barra minn Malta, fosthom "The Maltese Janus" ma' Dr. Brian Crow fir-rivista World Literature Today.

 

Dr. Marco Galea huwa l-editur ta’ l-antoloġija It-Teatru Malti tas-Seklu Dsatax, f’żewġ volumi (Mireva, 1997), ko-editur tal-volum Il-Kitba Teatrali f’Malta (Malta University Press, 1998) u awtur ta’ artikli dwar id-drama Maltija u l-istorja tat-teatru ppubblikati f’Malta u barra.

 

 

Adrian Grima (1968) jgħallem il-letteratura Maltija fid-Dipartiment tal-Malti fil-Kulleġġ Ġ. F. Abela u l-Fakultà ta’ l-Arti. Kiseb id-dottorat fil-Letteratura Maltija b'teżi dwar il-metafori li ntużaw biex jinħoloq l-immaġinarju tan-nazzjon Malti fil-letteratura Maltija. Tkellem dwar il-letteratura, il-kultura u l-Mediterran f'konferenzi f'Malta, Delfi, Nicosia, Reggio Calabria, Palermo, Pariġi, Ruma, Puerto Rico, u fl-Universitajiet ta' Yale u Colorado at Boulder fl-Istati Uniti ta' l-Amerika. Xandar artikli ta’ riċerka kemm f’Malta u barra minn Malta.

Fl-1999 ippubblika It-Trumbettier li bih rebaħ it-tieni premju fil-Premio Tivoli Europa Giovani għal kotba ta’ poeżija ppubblikati fl-Ewropa fl-1999. Fl-2006 ħareġ il-ġabra Rakkmu (KKM). Uħud mill-poeżiji tiegħu dehru f’pubblikazzjonijiet fl-Italja, Franza, Ċipru, l-Iżrael, l-Olanda, l-Awstrija, il-Ġermanja, u Korsika. Traduzzjonijiet għall-Ingliż u l-Ġermaniż dehru f'The Tragedy of the Elephant (Inizjamed, Midsea Books, 2005) u Dieser verwundete Frühling - Dir-Rebbiegħa Midruba (Edizzjoni Skarta, 2007). Huwa l-editur ta' F’Kull Belt Hemm Kantuniera (Inizjamed, 2003) u ġabriet oħra ta' letteratura kontemporanja bil-Malti. Ħareġ il-ktejjeb “Dgħajjes Qodma u Maħmuġin” - Dun Karm, id-Dielja u l-Barranin (Kumitat Festi Nazzjonali, 2004) u Gżejjer ta' Diversità Kulturali / Islands of Cultural Identity ma' Kevin MacNeil (2001), u editja l-ġabra ta' artikli akkademiċi, It-Trankwillità Qarrieqa tat-Test. Perspettivi Oħra tal-Letteratura Maltija (fl-istampa). Dr. Adrian Grima huwa l-koordinatur ta' l-organizzazzjoni kulturali Inizjamed u l-korrispondent Malti tal-website dwar il-kultura fil-Mediterran, Babelmed. www.adriangrima.com

 

 

Ġorġ Mifsud-Chircop huwa folklorista antropoloġiku u etnografu. Lekċerer fl-Università ta’ Malta (Ph.D., M.A., B.A. (Hons), PGCE), awtur ta’ bosta  studji u pubblikazzjonijiet bil-Malti (fosthom ukoll il-letteratura għat-tfal), bl-Ingliż u bit-Taljan, konsulent u editur letterarju, imfittex ħafna għall-werrejja analitiċi, ixandar fuq ir-radju u t-televixin fuq il-kultura Maltija, l-aktar il-folklor (in-narrattiva orali, l-etnoloġija, il-paremjoloġija, l-għana u s-snajja’), il-lingwa u l-letteratura Maltija.

Dr. Ġorġ Mifsud-Chircop ħa sehem sehem f’bosta konferenzi internazzjonali. Ir-riċerka tiegħu għamilha wkoll Göttingen, Palermo u Sheffield. Membru tal-bord editorjali ta’ Archivio Antropologico Mediterraneo ta’ l-Università ta’ Palermo. President ta’ l-Għaqda ta’ l-Għalliema tal-Malti (2000-2002) u direttur artistiku tal-Festival Nazzjonali ta’ l-Għana mill-1998. Rebbieħ tal-Premju Karmen-Mikallef-Buħaġar għall-aħjar teżi ta’ l-M.A. fl-1978 u, ma’ Alvin Scicluna, tal-premju ta’ l-Awtorità tax-Xandir (1996) għall-aħjar dokumentarju televiżiv bis-sensiela “Ix-Xogħol Waħdu Jurik’’. Fost il-bosta pubblikazzjonijiet tiegħu nsemmu Fommu bil-Għasel (1981, 1985, 1991, 1993, 1997), is-sensiela twila ta’ ħrejjef, leġġendi u praspar Maltin (1980-2003), u Manwel Magri. Ħrejjef Missirijietna (edizzjoni kritika, 1994).

 

 

Immanuel Mifsud twieled fl-1967. Ħareġ l-ewwel ktieb tiegħu fl-1991, ġabra ta’ stejjer qosra bit-titlu Stejjer ta’ Nies Koroh. Sentejn wara ħareġ ġabra oħra bl-isem ta’ Il-Ktieb tas-Sibt Filgħaxija. Ippubblika wkoll tliet ġabriet ta’ poeżiji, Fid-Dar ta’ Clara, Il-Ktieb tar-Riħ u l-Fjuri, u Polska-Slovensko (2004) Fl-2002 ħareġ il-ktieb L-Istejjer Strambi ta’ Sara Sue Sammut, ippubblikat mill-MINIMA Publishers. Fl-2005 ħareġ il-ħames ġabra ta' novelli, Kimika (Progress Press).

 

Xi kitbiet tiegħu nqalbu għall-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż, il-Katalan u s-Slovakk. Aktar kmieni din is-sena kien mistieden bħala poeta Malti għall-Festival tal-Poeżija Mediterranja li jsir kull sena f’Palma de Mallorca. Din is-sena wkoll, storja tiegħu, “Laqgħa ma’ Mara Morbi”, dehret fl-oriġinal u fil-verżjoni Taljana fil-ġabra ta’ stejjer mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea Racconti Senza Dogana, pubblikazzjoni tal-PEN CLUB Taljan u l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Italja. Xi poeżiji tiegħu dehru f’pubblikazzjoni oħra ta’ l-Unjoni Ewropea, u fil-ġurnal elettroniku Transcript.org. F’Ottubru ta’ l-2003, il-PEN Club Slovakk stednuh Bratislava biex jippreżenta x-xogħlijiet bil-Malti u bis-Slovakk. www.immanuelmifsud.com