Tutorials Aġġornati


Artikli u Taħditiet


Deċiżjonijiet tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti dwar il-Varjanti Ortografiċi


Poeżiji ta'

Keith Azzopardi u Lynette Camilleri


Kunsill tal-Malti


Rapporti tal-Matsec


Riżultati Matsec 08


Kitbiet Letterarji


Taħditiet


Letteratura Maltija


Awturi Maltin


L-Isbaħ l-Imgħoddi


MLA Style l Eżempji


Franz Mifsud


Ġorġ Mifsud-Chircop


Mimlijin daqs bajda Il-Popolazzjoni ta' Malta

 

Ġurnata fil-ħajja ta' pumpier

 

Nota Importanti

L-ortografija tal-materjal li kien diġà jinsab fuq is-sit qabel ma daħlu r-regoli l-ġodda maħruġa fl-2008 jimxu mar-regoli l-antiki. Il-materjal il-ġdid se jsegwi r-regoli l-ġodda.

L-Idealizzazzjoni tal-Poplu fil-Poeżija Maltija - Ruth Ellul

 

Fil-poeżija romantika l-poplu Malti jidher bħala poplu moralment tajjeb, kuraġġuż, magħqud, patrijottiku, ta’ ħila kbira, reliġjuż u ta’ fidi li ma tnin qatt. Dawn huma l-kwalitajiet li l-poeti romantiċi jridu jaraw fil-Maltin ta’ żmienhom. Dun Karm jidealizza lill-poplu Malti f’“Il-Għanja tar-Rebħa,” poeżija li tgħolli ġieħ il-Maltin fis-sehem li taw fl-Assedju l-Kbir tal-1565, u f’għamla ta’ innu ċelebrattiv tigglorifika l-kwalitajiet idealizzati tal-poplu Malti, kwalitajiet li Dun Karm jarahom fil-karattru Malti tal-imgħoddi. Ara din il-kitba

 

Il-bniedem tkun taf xi jsarraf meta tagħmilha miegħu - Jacob Piccinino

 

Dakinhar xejn ma ried jidħol f’moħħi. Mhux għax is-soltu nkun interessat wisq fil-lezzjoni bħal xi koċċ nerds li jkun hemm fil-klassi, iżda xi kelma ’l hawn u xi kelma ’l hemm dejjem jirnexxili nifhem. U aktar ma r-reliġjon kien suġġett li jraqqadni, il-vuċi senswali ta’ Miss Brigante kienet kapaċi mhux biss tilluppjak iżda ġġiegħlek toħlom dwar l-anġli ċkejknin itiru minn sħaba għal oħra. Ħarist minn taħt il-għajn u lmaħt lil Tonio jħares lejja b’geddumu mserraħ fuq idu l-leminija u b’ħalqu mċarrat fi tbissima sfurzata. Aqra din il-kitba
 

Petizzjoni kontra l-identità tagħna - Bernard Cauchi u Michael Grech

 

Man-nies tat-Tielet Dinja, m’għandniex biss dejn ta’ ħniena. Għandna wkoll dejn ta’ ġustizzja, minkejja li pajjiżna fil-passat ma kellux kolonji, anzi kien kolonja hu. Ngħidu aħna, ħafna mill-prodotti li aħna nixtru bi prezz kompetittiv huma frott tal-isfruttament, li hu serq, li kumpaniji multinazzjonali jagħmlu fit-Tielet Dinja.

 
Il-bott kafè li xtrajt aktarx li min ħadmu ma tħallasx ta’ xogħlu. Biex xtrajt qalziet bi prezz tajjeb, ħaddiema ġew sfruttati u maħqura fit-Tielet Dinja. Kumpaniji li nixtru ż-żejt mingħandhom qed jisirquh min-Niġerja (tant li n-nies ta’ dan il-post, li ż-żejt suppost hu tagħhom, biex ikollhom ftit żejt iridu jisirquh b’riskju kbir ta’ splużjonijiet u ħruq, minħabba li ż-żejt kollu hu kkontrollat minn multinazzjonali Ewropej). 


Issa jekk normalment jien legalment obbligat ma nixtrix stereo misruq u nsir kompliċi jekk nagħmel dan, għalfejn m’għandux ikun hemm l-istess raġunament għal affarijiet oħra? Ara dan l-artiklu li deher fil-gazzetta Illum.
 

Analiżi kritika tal-poeżija “Turiha ‘l ħadd dil-poeżija” - M'Lourdes Borg

 

Fix-xogħol letterarju “Turiha ‘l ħadd dil-poeżija” Albert Marshall, permezz tat-tħaddim f’waqtu ta’ diversi mekkaniżmi artistiċi, jirnexxilu jisfuma l-fażijiet li jikkaratterizzaw il-ħajja umana – iż-żgħorija, iż-żgħożija u l-fażi adulta – f’xulxin. Meta l-qarrej-kritiku jfannad f’din l-organizzazzjoni ta’ kliem, minnufih jintebaħ li dil-kitba hija prodott tal-moderniżmu, primarjament minħabba l-inkonklussività tagħha: hi tispiċċa bħalma tibda, mingħajr ebda ħjiel ta’ progress.

 

Sa mill-ewwel versi, “Turiha ‘l ħadd dil-poeżija” tindika li hija poeżija apostrofika lejn l-hekk imsejħa “maħbuba” tal-poeta. Marshall huwa interessat li jaqsam il-ħsus tiegħu ma’ din il-mara biss u dan b’ton intimu. Huwa jħaddem funzjoni konattiva sabiex hi ma tiżvelax il-poeżija. Aqra din l-analiżi kritika

 
 
   
   
   
   
   
 

Nota importanti: Uħud mill-artikli b'kontenut interessanti mill-gazzetti Maltin li nirreferu għalihom f'dan is-sit ikollhom żbalji fl-ortografija, l-idjoma u s-sintassi. Iżda dak li jidher f'din l-ewwel paġna tas-sit huwa miktub b'Malti tajjeb. Naturalment, il-fehmiet f'dawn l-artikli li nirreferu għalihom ma jirriflettux il-fehmiet tad-Dipartiment tal-Malti. Jirriflettu biss l-ideat ta' min jiktibhom.

 

 
 

Tipi tal-Malti  l Arkivji  l Iffirma l-Ktieb tal-Viżitaturi  l Ara l-Ktieb tal-Viżitaturi  l Ikteb lill-Kap tad-Dipt

 
 

Websajt maħluqa fl-24 ta' Frar 2003 u amministrata minn Dr. Adrian Grima - L-aħħar aġġornament fit-22.3.09

 

 

Biex tfittex tista' tikkopja l-ittri Maltin minn hawn: ċ ġ ħ ż - Ċ Ġ Ħ Ż