Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

  National Book Council
   
 

 

Nibxa Poetika 15

Nibxa Poetika 14

Nibxa Poetika 13

Nibxa Poetika 12

Nibxa Poetika 11

Nibxa Poetika 10

Nibxa Poetika 9

Nibxa Poetika 8

Nibxa Poetika 7

Nibxa Poetika 6

Nibxa Poetika 5

Nibxa Poetika 4

Nibxa Poetika 3

Nibxa Poetika 2

Nibxa Poetika 1

 

 

 

   
  Il-Ħidma tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb 2005-07
 

Is-Sibt 8 ta Ottubru, fil-11 a.m., il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta konferenza stampa fil-Librerija Pubblika Ċentrali tal-Floriana. Matul din il-konferenza l-ġurnalisti ltaqgħu mal-membri u ċ-chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-ktieb, Dr Ġorġ Mallia (fir-ritratt).

 

Waqt il-konferenza tnieda l-pjan ta' ħidma ambizzjuż tal-Kunsill għas-sentejn li ġejjin. Fl-intervent tiegħu, Dr Ġorġ Mallia rringrazzja liż-żewġ presidenti ta' qablu li hu qal kienu importanti biex ikkonsolidaw il-Kunsill Nazzjonali. Dawn kienu Dr. Philip Farrugia Randon u s-Sur Philip Borg. Iċ-chairman spjega li l-Kunsill diġà beda jaħdem fuq numru ta' proġetti. Fost l-affarijiet ġodda hemm il-ħatra ta' uffiċjal għall-komunikazzjoni u l-introduzzjoni ta' newsletter elettronika. Dr. Mallia qal li sar ftit tiżbir fil-Premju Letterarju għal din is-sena. Il-Premju Letteraju huwa wieħed miż-żewġ avvenimenti kbar li jagħmel il-Kunsill kull sena. Din is-sena ċ-ċerimonja ser issir fit-2 ta Diċembru.
 

Il-Premju jippremja lill-awturi u l-kisbiet tagħhom f'diversi kategoriji. Ta' min jiġbed l-attenzjoni li dan huwa l-uniku premju Nazzjonali li għandhom il-kittieba Maltin. L-awturi għandhom sa l-14 ta Ottubru biex jissottemettu l-kotba tagħhom. Somma ta' flus hi vvutata mill-Ministeru ta l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi għal dan.

 

Iċ-chairman ta dettalji dwar il-viżjoni li l-Kunsill iħaddan għall-ktieb. Semma li ser isir użu massimu mit-teknoloġija anki fl-operat tal-Kunsill innifsu. Il-Kunsill qed jaħseb biex jkun hemm spazju virtwali għalih u li jkun għajn ewlenija u punt ta' riferenza għall-kittieba tagħna. Dr Mallia fisser l-importanza li l-Kunsill irewwaħ l-imħabba lejn il-ktieb, l-ewwel dak Malti. Imma mhux biss. Ġie spjegat li l-Kunsill ser jidħol għall-impenn li joħloq Quality Charter għall-ktieb Malti. Issemmew ukoll proġetti oħrajn li għadhom kif bdew, bħal publikazzjonijiet li jiġbru fihom taqsimiet minn kotba tat-tfal ippubblikati, it-twaqqif ta' kumitat li jorganizzaw attivitajiet dwar il-ktieb fl-iskejjel, il-bini tal-websajt tal-Kunsill, ir-riforma tal-premju letterarju għas-sena d-dieħla, bl-involviment ta' sħab mill-privat u bidla fil-kategoriji, u preżenza aktar frekwenti u attiva fil-media Maltija.
 

Fil-Konferenza tkellem ukoll is-Sur Philip Borg, Direttur tal-Libreriji u Arkivji, li hu wkoll responsabbli mill-kumitat fi ħdan il-Kunsill li qed jorganizza l-edizzjoni ta' din is-sena tal-Fiera Internazzjonali tal-Ktieb. Is-Sur Borg ta dettalji dwar il-ħidma tal-kumitat b'risq il-Fiera Internazzjonali tal-Ktieb. Il-Fiera din is-sena ser issir bejn l-1 u s-6 ta Diċembru. Matulha ser ikun hemm għadd ta' attivitajiet u wirjiet li ser ipoġġu l-ktieb fiċ-ċentru. Il-Fiera ser tkun festa ta' kotba. Waqt il-Konferenza tnieda l-logo li ħa jintuża waqt il-fiera.

 

Is-Sur Borg qal li din is-sena hi okkażjoni importanti wkoll għall-Biblijoteka għax qed tfakkar l-450 sena mit-twaqqif tagħha, waħda mill-eqdem libreriji fl-Ewropa. Il-biblijoteka għandha dokumenti rari b'appell universali fosthom l-eqdem volum ta' Nostradamus li jmur lura għall-1566.

 

Kollox huwa lest għal sentejn ta' ħidma sfieqa favur il-Ktieb mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

 

Sergio Grech
Uffiċjal għall-Komunikazzjoni

   
  Il-Premju Letterarju u Sussidji: kotba 2004

 

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jgħarraf li, permezz ta’ premjijiet u sussidji, se jingħata għarfien lill-awturi ta’ l-aħjar xogħlijiet letterarji u ta’ xejra oħra bil-Malti (ħlief kategorija (viii)) li ġew ippubblikati għall-ewwel darba fi ktieb matul is-sena 2004.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iżomm id-dritt li ma jagħtix il-premju jew is-sussidju jekk il-membri tal-Kunsill jidhrilhom li xi xogħol ma jilħaqx il-livell mixtieq.

Kull deċiżjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb hija finali.

Se jingħata premju ta’ Lm500, trofew u ċertifikat lill-ewwel klassifikat u Lm200 u ċertifikat lit-tieni klassifikat għal kull waħda minn dawn it-tmien kategoriji:

(i) Proża Letterarja (rumanzi u stejjer qosra)
(ii) Proża mhux fittizja
(iii) Poeżija
(iv) Drama
(v) Letteratura għat-tfal
(vi) Xogħlijiet ta’ natura akkademika/xjentifika/teknika
(vii) Traduzzjonijiet
(viii) Ktieb fuq materji minn (i) sa (vii) miktub minn awtur Malti b’lingwa oħra.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirriserva d-dritt li jibdel il-kategorija jekk ix-xogħol jiddaħħal f’waħda żbaljata u f’dan il-każ il-parteċipant jiġi infurmat.

Se jingħata wkoll ċertifikat lill-pubblikatur ta’ kull ktieb ikklassifikat fl-ewwel u t-tieni post f’kull kategorija.

Trofew u ċertifikat ta’ mertu jingħataw ukoll (a) lid-dar ta’ pubblikazzjoni għall-isbaħ preżentazzjoni ta’ ktieb bil-Malti u pubblikazzjoni oħra f’lingwa barranija għas-sena 2004; (b) lill-illustratur ta’ ktieb fost dawk sottomessi f’kategorija (v).

Sussidju se jingħata għall-ewwel ħames kotba kklassifikati f’kull kategorija permezz ta’ xiri ta’ kopji minn dawn il-kotba mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Kull awtur li jieħu sehem jirċievi ċertifikat, jew ta’ rebħ, jew ta’ mertu jew ta’ parteċipazzjoni. Il-kelma ‘awtur’ tkopri l-editur f’każ ta’ xogħol kollettiv.

Kull parteċipant irid jissottometti applikazzjoni għal kull ktieb fuq il-formola preskritta li tinġabar mingħand is-Segretarju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb c/o Librerija Pubblika Ċentrali, il-Furjana, tel. 21 222654, e-mail : joe.debattista@ gov.mt u tintbagħtlu bil-posta

Jista’ jressaq ix-xogħol tiegħu l-awtur jew il-pubblikatur bil-kunsens ta’ l-awtur jew ta’ min għandu d-dritt ta’ l-awtur.

Il-parteċipanti għandhom jibagħtu erba’ kopji tal-ktieb lil:


Is-Segretarju
Premju Letterarju u Sussidji 2004
Att. Is-Sur Joseph Debattista
Librerija Pubblika Ċentrali
Il-Furjana


L-erba’ kopji (li ma jintraddux lura) għandhom jaslu sa għand is-Segretarju, Librerija Pubblika Ċentrali mhux aktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa, 14 ta’ Ottubru 2005.
 

 

Literary Prizes and Subsidies: books 2004

 

The National Book Council notifies that to give due recognition to Maltese authors, awards and subsidies are to be accorded to those authors of outstanding literary works and other genres in Maltese (except in category viii) first published in book form during the year 2004.

The National Book Council reserves the right to withhold any prize or subsidy if it is of the opinion that the work/s fail to reach the required standard.

Every decision taken by the National Book Council is final and binding.

A prize of Lm500, a trophy and a certificate will be awarded to the first classified and a prize of Lm200 and a certificate to the second classified in each of the following eight categories:

(i) Fiction (novels and short stories)
(ii) Prose non-fiction
(iii) Poetry
(iv) Drama
(v) Juvenile literature
(vi) Work of academic/scientific/technical nature
(vii) Translations
(viii) A book on a subject from categiories (i) to
(vii) written by a Maltese author in another language.

The National Book Council reserves the right to change the category if the work is entered under the wrong category and if so the participant will be informed accordingly.

A certificate will also be awarded to the publisher of a book classified in the first and second place in each category

A trophy and a certificate of merit will also be awarded to: (a) the publishing house responsible for the best book format of a publication in Maltese, and for a publication in any other language for the year 2004; (b) to the illustrator of a book amongst those submitted under category (v).

A subsidy will be given for the first five books classified in each category through the purchasing of a number of these books by the National Book Council.

Every participating author shall receive a winning, or merit or participation certificate. The word ‘author’ shall refer to the editor in case of a collective work.


Every participant shall submit an application for every book entered for the competition on a prescribed form that could be collected from the Secretary, National Book Council c/o Central Public Library, Floriana, tel. 21 222654, e-mail: joe.debattista@gov.mt and receive the form through the post.

Entries for the competition may be submitted by the author himself or the publisher with the author’s consent or that person who has the author’s publishing rights.

Participants are to deliver four copies of the book to:

The Secretary
Year 2004 Literary Prize and Subsidies
Attn. Mr Joseph Debattista
The Central Public Library
Floriana

The four copies submitted (which are not returnable) should reach the Secretary at the Central Public Library by not later than noon of Friday, 14 October 2005.
 

  Termini ta' Referenza
 
  1. ifassal pjan strateġiku biex tittejjeb il-qagħda tal-Ktieb Malti,

  2. jinkoraġġixxi awturi ġodda jippreżentaw ix-xogħol tagħhom lill-pubbliku;

  3. jaħdem għall-protezzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u morali ta' l-awturi Maltin;

  4. jorganizza attivitajiet meħtieġa f'diversi lokalitajiet tul is-sena biex titqanqal kuxjenza ħajja dwar il-valur tal-kotba u tal-qari;

  5. jaħdem id f'id mal-Kunsilli Lokali sabiex jiġi ppopolarizzat il-qari f'kull
    forma, sew dik tradizzjonali u sew dik fil-qasam elettroniku;

  6. jikkoordina attivitajiet mad-Dipartimenti u aġenziji pubbliċi u privati fl-oqsma ta' l-arti, kultura, edukazzjoni, kotba u media sabiex jiġu mgħejjuna u inkoraġġiti awturi, drammaturgi u kompożituri Maltin ġodda ħalli l-ktieb Malti jżid fil-popolarità f'kull forma u fi kwalunkwe qasam tal-ħajja Maltija,

  7. permezz tat-teknoloġija ta' l-informatika kif ukoll b'mezzi tradizzjonali
    jħaddem servizz ta' informazzjoni dwar il-Ktieb Malti biex il-qarrej Malti
    jkun aktar infurmat dwar l-awturi tiegħu u b'hekk jinbena pont sod bejn il-pubbliku Malti u l-awturi;

  8. jorganizza u jamministra l-Premju Letterarju;

  9. jorganizza u jamministra l-Fiera tal-Ktieb;

  10. jesplora l-mezzi lokali u dawk barranin biex il-Ktieb Malti jilħaq pubbliku internazzjonali permezz ta' skemi ta' traduzzjoni, u bl-istess mod iwassal xogħlijiet barranin għall-attenzjoni ta' pubbliku usa' f'Malta.

Adrian Grima tkellem ma' Sergio Grech, membru tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, fis-7 ta' Lulju, 2005. Dan il-Kunsill jorganizza l-Fiera tal-Ktieb f'Novembru ta' kull sena u jieħu ħsieb il-Premju Letterarju li jingħata kull sena wkoll.

 

  Jinħatar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (2005-07)
 

 

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, l-Onorevoli Dr Louis Galea, ħatar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għas-sentejn li ġejjin.

 

Il-membri tal-Kunsill huma:

 

Dr Ġorġ Mallia - Chairman

Joe Debattista - Segretarju

Philip Borg

Priscilla Camilleri

Charles Casha

Sergio Grech

Pawlu Mizzi

Natasha Turner

Vincent Vella

 

Il-Kunsill għandu għanijiet vasti ħafna, fuq kollox li jgħin jiftaħ id-dinja tal-ktieb għal kulħadd, b’attivitajiet kemm attwali, kif ukoll virtwali. L-ewwel żewġ attivitajiet tal-Kunsill ser ikunu l-organizzazzjoni tal-Fiera tal-Ktieb u l-Premju Letterarju li t-tnejn li huma ser isiru fil-bidu ta’ Diċembru ta’ din is-sena.

 

Il-Kunsill diġà qiegħed jaħdem biex jifrex il-ħidma tiegħu biex din ma tkunx limitata biss għal dawn iż-żewġ attivitajiet. Fil-jiem li ġejjin għandha tingħata konferenza ta’ l-aħbarijiet mill-Kunsill fejn ser jiġi spjegat lill-mezzi tal-kommunikazzjoni l-pjan li fuqu ser jaħdem il-Kunsill għaż-żmien li ġej. Dettalji jingħataw iktar ’il quddiem.

 

Sergio Grech

Is-Sibt, 24 ta' Settembru 2005

 

Fir-ritratt: Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb: Mix-xellug: Is-Sinjuri Pawlu Mizzi, Philip Borg u Joe Debattista, Dr. Gorg Mallia, is-Sinjuri Charles Casha, Natasha Turner, Sergio Grech u Priscilla Camilleri. Mhux fir-ritratt, is-Sur Vincent Vella.

 

  KUNSILL NAZZJONALI TAL-KTIEB
 

MOEDPR 085/01
Press Handout 13/08/01

 

Bħala pass konkret biex diversi inizjattivi favur il-Ktieb Malti jitwettqu b'mod aktar effettiv, inħasset il-ħtieġa li jinġabru taħt struttura waħda. Għaldaqstant il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea ħabbar it-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, taħt il-presidenza ta' Dr. Philip Farrugia Randon. Il-Kunsill il-ġdid issa se jwettaq ix-xogħol li s'issa kien isir minn żewġ kumitati, il-Kumitat dwar il-Fiera tal-Ktieb u l-Kumitat dwar il-Premju Letterarju.
 

Waqt il-konferenza li ndirizza l-Ministru Louis Galea tħabbru t-termini ta' referenza li fuqhom se jkun qed jiffunzjona l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Fost ir-responsabbiltajiet hemm inkluż li jrid jitfassal pjan strateġiku biex tissaħħaħ il-qagħda tal-ktieb lokali sew jekk miktub bil-Malti, bl-Ingliż jew b'xi lingwa oħra, u li jieħu dawk l-inizjattivi neċessarji biex il-ktieb lokali jinkwadra ruħu kif jixraq fil-qafas elettroniku ta' żmienna.


Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkun qed jorganizza u jamministra l-Premju Letterarju annwali, li għalieħ il-Gvern jivvota Lm 10,000 fis-sena. Il-Kunsill se jkun inkarigat jorganizza, b'mod innovattiv u aġġornat, il-Fiera tal-Ktieb, li wkoll issir kull sena. Skond it-termini li ngħata, il-Kunsill se jfittex il-mezzi lokali u barranin biex il-Ktieb Malti jilħaq pubbliku internazzjonali permezz ta' skemi ta' traduzzjoni. Il-Kunsill hu marbut li jaħdem għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' l-awtur lokali u li jinkoraġġixxi awturi ġodda li jwasslu x-xogħlijiet tagħhom għall-attenzjoni tal-pubbliku.


B'kollaborazjoni mal-Kunsilli Lokali, l-iskejjel u entitajiet oħra, fosthom l-għaqdiet letterarji, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkun qed jaħdem biex jorganizza l-attivitajiet biex il-qasam tal-ktieb jingħata dimensjoni usa' u aktar interattiva.


Taht il-presidenza ta' Dr. Philip Farrugia Randon, l-ewwel Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb hu ffurmat mis-Sur Joseph Debattista bħala segretarju, is-Sur George Borg, is-Sur Philip Borg, is-Sinjura Miriam Cremona, is-Sur Victor Fenech, is-Sur Charles Flores, is-Sinjorina Patricia Gatt, Dr. Anthony Mangion, is-Sinjura Marlene Mifsud Chircop, is-Sur Paul Mizzi,, is-Sur Louis Scerri, Dr. Mario Tabone, is-Sinjura Catherine Vella u s-Sur Trevor Zahra.


Il-Ministru Louis Galea qal li l-proġetti favur il-ktieb u l-qari għandhom jingħataw ħafna aktar importanza f'pajjiżna. Bis-saħħa ta' diversi organizzazzjonijiet, Malta żviluppat diversi djar editriċi li żiedu n-numru u l-kwalità ta' publikazzjonijiet f'lingwi diversi. Louis Galea fisser li l-inizjattivi li inbdew xi snin ilu - il-Fiera tal-Ktieb u l-Premju Letterarju jeħtieġ jiġġeddu u jingħataw spinta ġdida. Barra minn hekk hemm ħidma oħra li jeħtieġ issir biex il-poplu jsir aktar konxju tas-sbuħija tal-kotba u biex il-kotba u l-qari jinżlu u jinfirxu fil-livelli kollha tas-soċjetà.