Re-Visions - Skambju Letterarju f'Ewropa Akbar

 
     
 

Ara wkoll: Ferment fil-Kitba  l  Opportunità għal-Letteratura Maltija

 
     
 

Nora Ikstena (il-Latvja)

Simposju Letterarju Internazzjonali f'Malta

3-6 ta' Novembru 2005 ▪ Kavallier ta' San Ġakbu, il-Belt Valletta

Inizjamed u Literature Across Frontiers

 

Nhar il-Ġimgħa 4 ta' Novembru wara nofsinhar u l-għada s-Sibt il-ġurnata kollha, fit-teatru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta, aktar minn 40 persuna attivi fil-kamp f'letterarju fi 17-il pajjiż Ewropew, fosthom Malta, se jiddiskutu l-promozzjoni internazzjonali tal-letteratura, it-traduzzjoni letterarja u l-pubblikazzjoni waqt simposju bl-isem ta' Re-Visions - Literary Exchange in an Enlarged Europe.

 

Id-dħul għall-attivitajiet kollha huwa b'xejn u kulħadd jista' jattendi mingħajr il-ħtieġa li jinkiteb minn qabel.

 

Nhar il-Ġimgħa 4 ta'Novembru, it-taħditiet u d-diskussjonijiet jibdew fis-2.00 ta' wara nofsinhar u jibqgħu sejrin sas-6.15pm. Bejn is-7.30pm u t-8.30pm imbagħad ikun hemm qari mill-kittieba barranin u kittieba Maltin f'waħda mis-swali ta' fuq fejn ikun hemm il-wirjiet ta' l-arti viżiva. L-għada s-Sibt is-simposju jibda fid-9.00 ta' filgħodu u jibqa' sejjer sas-6.00pm b'waqfa għall-ikel bejn in-12.30 u s-2.00pm. Fis-6.45pm jibda l-qari tax-xogħlijiet letterarji minn awturi Maltin u barranin f'Casa Rocca Piccola, 74, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta.

 

Skond Dr. Adrian Grima, koordinatur ta' Inizjamed, "din il-konferenza se tkun opportunità straordinarja biex kittieba, tradutturi, pubblikaturi, organizzazzjonijiet letterarji u anki istituzzjonijiet Maltin jitkellmu dwar il-viżjoni u l-inizjattivi konkreti tagħhom fil-qasam tal-letteratura Maltija u l-promozzjoni tagħha fi gżiritna u f'pajjiżi oħra."

 

Il-promotriċi ta' dan is-simposju f'Malta, Maria Grech Ganado, temmen li bħalissa f'Malta, "hawn ferment kbir fil-kitba, u hawn żgħażagħ li ġa qed jiktbu letteratura ta' livell għoli ħafna, imma m’għandhomx il-possibbiltà li jippubblikaw ġabra ta’ xogħlijiet jew rumanz. Dan is-simposju għandu jitfa' dawl fuq dawn in-nuqqasijiet u jipproponi proġetti konkreti."

 

Andrej Blatnik

Ritratt: Borut Kranjc

Fost il-personalitajiet barranin li se jieħdu sehem fis-simposju hemm il-kittieba magħrufa Skoċċiża Laura Hird; l-awtur, traduttur u ġurnalista Jan Balabán mir-Repubblika Ċeka; ir-rumanzier u editur Andrej Blatnik mis-Slovenja; it-traduttriċi letterarja Alexandra Büchler minn Wales li hija wkoll id-direttriċi tal-proġett LAF; il-kittieba u editriċi Nora Ikstena mil-Latvja; il-lecturer universitarja u editriċi letterarja Éva Karádi mill-Ungerija; ir-rumanzier mill-Estonja Jan Kaus li huwa wkoll poeta, kritiku u editur; il-kittieb u traduttur Tuomas Nevanlinna mill-Finlandja; u l-kittieb ta' nisel Ċilen mid-Danimarka Rubén Palma li jikteb poeżiji, rakkonti u artikli; u Ned Thomas, direttur akkademiku tal-Ċentru Mercator ġewwa l-Università ta' Wales f'Aberystwyth li jmexxi l-proġett LAF.

 

Il-kelliema Maltin fis-simposju se jkunu Marika Grech mill-programm Kultura 2000; Adrian Grima, kittieb, lecturer tal-Letteratura Maltija u koordinatur ta' Inizjamed; Chris Gruppetta, pubblikatur u riċerkatur dwar il-pubblikazzjoni; Ġorġ Mallia, President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb; Immanuel Mifsud, kittieb u lecturer tal-Letteratura Maltija; u Karsten Xuereb, koordinatur ta' proġetti letterarji u riċerkatur fil-qasam tal-Management Kulturali.

 

LAF u s-Simposju Re-Visions

 

Tmintax-il xahar minn mindu għaxar membri ġodda ssieħbu fl-Unjoni Ewropea, wasal iż-żmien li nħarsu lejn l-istat ta’ l-iskambju letterarju fil-kuntest ta’ koperazzjoni kulturali akbar fl-Ewropa u li nsostnu mill-ġdid ir-rwol ċentrali tal-ftehim bejn il-kulturi differenti fil-proċess ta’ l-integrazzjoni Ewropea.

 

F'dawn l-aħħar snin Literature Across Frontiers (LAF) kisbet għarfien kbir dwar il-qagħda tal-letteratura fl-Ewropa u fasslet għadd ta' proġetti biex jissaħħaħ dan il-qasam. Din l-esperjenza għandha tiswa mitqlu deheb meta kittieba, tradutturi, edituri letterarji, organizzaturi ta’ attivitajiet letterarji u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali minn madwar l-Ewropa jiltaqgħu mal-kollegi Maltin tagħhom f'dan is-simposju f'Malta li qed jittella' bi sħab ma' Inizjamed. Is-simposju se jiddiskuti dawn it-temi li lkoll huma rilevanti għas-sitwazzjoni tal-letteratura f'Malta: 

  • il-politika, il-metodi u l-istrutturi li jinkoraġġixxu u jippermettu ċ-ċirkulazzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u l-mobilità tal-kittieba

  • ir-rappreżentazzjoni tal-letteraturi tal-lingwi inqas użati fix-xena internazzjonali, u l-ostakli li jsibu biex jixterdu aktar

  • il-promozzjoni tal-letteratura u x-xogħol ta’ ċentri għal-letteratura u t-traduzzjoni

  • proġetti li rnexxew fil-qasam tal-ħolqien ta' networks, skambji u koperazzjoni

  • mezzi għall-pubblikazzjoni tal-letteratura tradotta

  • appoġġ pubbliku għall-iskambju letterarju u t-traduzzjoni letterarja

Is-simposju Re-Visions - Literary Exchange in an Enlarged Europe, qed jittella' minn Literature Across Frontiers u Inizjamed bl-appoġġ tal-programm Kultura 2000 ta' l-Unjoni Ewropea, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Xogħol u Żgħażagħ, The British Council, il-Ministeru tat-Turiżmu u l-Kultura, Casa Rocca Piccola, Farsons Foundation, u ċ-Ċentru tal-Kreattività  tal-Kavallier ta' San Ġakbu.

 

Għal programm sħiħ u tagħrif dwar il-kelliema u t-taħditiet tagħhom ara l-websajt www.inizjamed.org.

 

[Aktar tagħrif bl-Ingliż hawnhekk]

 

 
  Ferment fil-Kitba f'Malta  
  Maria Grech Ganado  
     
 

Kmieni din is-sena, f’isem Inizjamed, iffirmajt kuntratt mal-Literature Across Frontiers għal 3 snin ta’ koperazzjoni letterarja. Dan il-proġett fi ħdan il-programm Kultura 2000 ta' l-Unjoni Ewropea għandu l-għan li jxerred il-letteratura tal-lingwi ż-żgħar ta’ l-Ewropa, primarjament madwar l-Ewropa imma wkoll mad-dinja. Dan il-proġett internazzjonali li daħlet għalih Inizjamed jinkludi fost affarijiet oħra simpożji, workshops tat-traduzzjoni, parteċipazzjoni f’fieri tal-kotba u festivals, ir-rivista ta’ l-LAF Transcript, u l-bqija. Is-sit elettroniku ta’ l-LAF www.lit-across-frontiers.org ifisser f’ċertu dettal l-għadd ta’ attivitajiet li se jsiru u d-diversità taghhom.

 

Għas-simposju mtella’ minn Inizjamed, Re-Visions: Literary Exchange in an Enlarged Europe, se jattendu għadd ta' kittieba u operaturi kulturali miċ-ċentru u t-tramuntana ta’ l-Ewropa, iżjed milli mill-Mediterran. Fl-2002, jien u l-kittieb Immanuel Mifsud konna attendejna konferenza kbira ta’ l-LAF li saret il-Finlandja. Kollox beda hemm fejn jidħol il-kuntatt ma' l-LAF u l-organizzazzjonijiet Ewropew imseħbin fiha. F’dawn l-aħħar tliet snin, Immanuel Mifsud, Adrian Grima u jien kellna ħafna okkażjonijiet – mertu wkoll ta’ assoċjazzjonijiet oħra. Minn dan naraw kemm hu importanti li niltaqgħu ma’ kittieba barranin li jagħtuna ħafna iżjed inkoraġġiment u rikonoxximent milli nsibu f’pajjiżna stess, fejn il-letteratura (speċjalment il-poeżija) ma tinteressax lil wisq nies (inklużi ħafna li jqisu lilhom infushom bħala kolti), u fejn anki fost dawk li jiktbu l-poeżija kultant issib ostakli li jfixklu l-opportunità ta’ kollaborazzjoni utli.

 

Għaldaqstant, Immanuel Mifsud, Adrian Grima u jien ħsibna biex naqsmu x-xorti li misset lilna ma’ dawk li, għal xi raġuni jew oħra, ma jkollhomx wisq okkażjoni jiltaqgħu ma’ min jista’ jistedinhom għal avvenimenti letterarji internazzjonali ‘l quddiem. Bħalissa, hawn ferment kbir fil-kitba, u hawn żgħażagħ li ġa qed jiktbu letteratura li nistgħu nsejħulha major, imma li m’għandhomx il-possibbiltà li jippubblikaw ġabra ta’ xogħlijiet jew rumanz. Il-fondi suppost li jsibuhom, suppost li sibniehom anki biex inħejju dan il-proġett, imma kif intqal anki fil-midja, hawn Malta għadna ma nafux inħaddmu l-fondi tajjeb – u, mela, anki dal-proġett għandu problema biex isib il-fondi.

 

Inizjamed, bħala organizzazzjoni msieħba fl-LAF, qed tieħu ħsieb torganizza kollox fil-pajjiż li fih se ssir l-attività, f’dan il-każ Malta, bħalma jsir fil-pajjiżi barra minn Malta li jospitaw avvenimenti ewlenin bħal dan is-simposju.

 

B’ħafna ħidma, sibna appoġġ konkret – li napprezzaw ferm – mill-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-British Council, Farsons  Foundation, Casa Rocca Piccola u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. Hemm possibbiltà ta’ għajnuna oħra, għalkemm mhux għas-somma meħtieġa biex inħallsu għall-akkomodazzjoni l-ikel għall-parteċipanti barranin. B'xorti tajba l-lukanda Castille Palace ġentilment offriet li tnaqqas il-prezz. L-LAF, imbagħad, tħallas għall-vjaġġi tal-parteċipanti kollha, kif suppost tħallas għall-vjaġġ tal-parteċipanti Maltin meta dawn jistednuhom barra minn Malta. 

 

Din tal-fondi hija ħaga serja ħafna. Il-fondi m’aħna ser nitgħallmu nħaddmuhom qatt jekk nippruvaw inlibbsu lill-futur il-ġlekk tal-passat. Hawn Malta, hawn ħafna żgħażagħ li l-perimetri ta’ moħħom huma mfasslin b'mod differenti minn dawk tas-soċjetà ta’ qabel, kemm lokalment kif ukoll fuq livell Europew. Iż-żminijiet ta’ kliem ix-xiħ m’għadhomx jgħoddu. Illum, il-ħajja hija mgħaġġla tant li idea li fl-aħħar waslet Malta ġa ħaditilha postha idea oħra barra minn Malta. Illum, anki wliedi li għalqu jew dalwaqt jagħlqu t-tletin jistagħġbu kemm tbiddlu l-affarijiet minn mindu kellhom għoxrin sena huma. Aħseb u ara jien li għandi 62 sena! Id-dinamiżmu u l-enerġija qegħdin fiż-żgħar, anzi fiż-żgħar li jafu li fi ftit snin huma wkoll iridu jgħaddu r-riedni lil ta’ warajhom. 

 

Biex nitgħallmu nħaddmu l-fondi kif suppost irridu ninsew in-nepotiżmu, il-favuri, il-piki bla bżonn, il-konsumiżmu u r-riflessjoni tagħna nfusna fil-mera u niġbdu ħabel wieħed b’entużjażmu ġenwin. Iż-żgħazagħ għad baqgħalhom ukoll x’jitgħallmu mill-kbar, imma ngħid għalija, f’dawn l-aħħar snin ħassejt li tgħallimt ħafna miż-żgħażagħ.

 

Maria Grech Ganado

Promotriċi tas-simposju

 

Dan l-artiklu deher f'Il-Ġensillum ta' l-24 ta' Settembru, 2005

 
     
  Opportunità Kbira għal-Letteratura Maltija  
     
 

Din il-konferenza importanti qed issir f'Malta għax kittieba, tradutturi, kritiċi u pubblikaturi minn bosta pajjiżi Ewropej jemmnu fil-letteratura u fil-ħila tal-kittieba Maltin.

 

Il-konferenza hija wkoll vot ta' fiduċja f'Inizjamed, li permezz ta' Maria Grech Ganado bniet il-kuntatti b'ħafna impenn u anki sagrifiċċju matul dawn l-aħħar snin. Barra minn hekk, permezz tal-konferenza, li hija parti minn proġett ambizzjuż mifrux fuq tliet snin li jinkludu wkoll, fost l-oħrajn, workshop dwar it-traduzzjoni letterarja, qasam li jeħtieġ ħafna investiment f'Malta, uħud mill-aktar organizzazzjonijiet letterarji dinamiċi fl-Ewropa qed juru b'mod konkret li jemmnu f'Malta bħala ċentru ta' kultura fl-Ewropa u fil-Mediterran.

 

Il-konferenza Re-Visions se tkun opportunità straordinarja biex kittieba, tradutturi, pubblikaturi, organizzazzjonijiet letterarji u anki istituzzjonijiet Maltin jitkellmu dwar il-viżjoni u l-inizjattivi konkreti tagħhom fil-qasam tal-letteratura Maltija u l-promozzjoni tagħha fi gżiritna u f'pajjiżi oħra.

 

Jekk għad m'għandniex viżjoni ċara għal-letteratura Maltija u Ewropea, il-konferenza se tħeġġiġna u tgħinna biex infassluha u nartikulawha. L-għaqdiet mhux governattivi Maltin mhumiex parassiti imma organizzazzjonijiet dinamiċi li jeħtieġu t-tip ta' appoġġ (mingħajr impożizzjoni) li l-istituzzjonijiet fl-Ewropa jagħtu liċ-ċittadini tagħhom.

 

Mhuwiex sigriet li pajjiżna jeħtieġ li jkun ferm aktar dinamiku fejn tidħol il-politika tiegħu dwar il-letteratura u jgħaddi mid-diskorsi ta' l-okkażjoni għal diskors aktar maħsub u impenn ħafna aktar konkret.

 

Re-Visions se tkun ukoll okkażjoni mill-aqwa biex awturi Maltin jippreżentaw uħud mix-xogħlijiet tagħhom quddiem udjenza ta' nies influwenti fil-kamp tal-pubblikazzjoni ta' xogħlijiet letterarji ta' kittieba Ewropej. Dan għandu jħeġġeġ lil aktar nies biex jieħdu interess fil-letteratura Maltija. Dan diġà rajnieh iseħħ b'mod mill-aktar konkret fuq siti letterarji ewlenin bħal Transcript u l-websajt ta' Laura Hird (ara l-links hawnhekk).

 

Dr Adrian Grima

Koordinatur, Inizjamed

 

Dan l-artiklu deher f'Il-Ġensillum ta' l-24 ta' Settembru, 2005